The Malta Council for Culture and the Arts | Il-Kunsill Malti Ghall-Kultura u l-Arti Logo
Spacer Press Releases
 
Text Version
  JITFAKKAR IL-POETA NAZZJONALI DUN KARM
Date Issued : 11/10/2007

JITFAKKAR IL-POETA NAZZJONALI DUN KARM

Nhar it-18 ta’ Ottubru, 1871 twieled il-Poeta Nazzjonali Dun Karm f’Ħaż-Żebbug.  Dun Karm studja s-seminarju u ta’ 23 sena sar qassis.  Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb bl’isem Foglie d’Allora , ġabra ta’sebgħa u tletin poeżija bit-Taljan li kiteb meta kellu bejn sbatax u erbgħa u għoxrin sena.  Fost il-ħafna mix-xogħolijiet letterarji li ħalilna Dun Karm hemm “ L-Għanja tar-Rebħa”, “ Lil Malta”, “ Għal Dun Mikiel Xerri”, “ Lil Mikiel Anton Vassalli”, “Wied Qirda”  u sintendi “ Innu Malti”.  Aktarx li l-aqwa biċċa xogħol tiegħu kienet il-poema “ Il-Jien u Lilhinn Minnu”.  Dun Karm miet fl-Isptar tal-Blue Sisters f’San Ġiljan nhar it-13 ta’ Ottubru, 1961.

Biex jiġi mfakkar il-poeta nazzjonali, il-Kumitat Festi Nazzjonali ħa ħsieb li, l-monument tiegħu, li jinsab fil-Floriana jiġi msebbaħ għall-perjodu.  Barra minnhekk propju fil-jum tat-twelid tiegħu se tittella’ attivita’ kommemorattiva ħdejn  il-mafkar tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm. Mafkar li jinsab f’tarf Triq Sant’ Anna kantuniera ma’ Triq l-Assedju, Floriana.

L-attivita’, nhar il-Ħamis 18 ta’ Ottubru tibda’ fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu mill-iskola Antonio Galea, Floriana fejn it-tfal ta’ din l-istess skola joħorġu b’korteo sal-Monument ta’ Dun Karm akkumpanjati mill-Kap ta’ l-Iskola s-Sur Stephen Miceli, is-Sindku tal-Floriana s-Sur  Nigel Holland u l-Ministru għat-Turizmu u l-Kultura Dr Francis Zammit Dimech. Barra mill-istudenti ta’ l-iskola tal-Floriana huma mistennija jattendu studenti mill-Iskola Primarja tal-Kalkara,  l-Iskola Sekondarja Guze Galea ta’ Ħal-Qormi u studenti mis-Seminarju ta’ l-Isqof.  Mal-wasla tal-korteo ħdejn il-monument ikun hemm program li jinkludi qari ta’ poeżija, tqegħid ta’ kuruni / fjuri mal-monument, diskors mill-Ministru tat-Turiżmu u l-Kultura, l-Onor Francis Zammit Dimech u jiġi mkanta l-Innu Nazzjonali. Ser jipprezenta s-Sur Charles Coleiro.

Il-Kumitat Festi Nazzjonali jieħu l-okkazjoni biex iħeġġeg lill-pubbliku in ġenerali ( speċjalment l-Għaqdiet tal-Malti)  biex jattendu  u  jipparteċipaw fiċ-ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni / fjuri mal-mafkar tal-Poeta Nazzjonali Malti.
 



CONTACT US | COPYRIGHT | DISCLAIMER | PRIVACY POLICY | HELP | SITE MAP | HOME
Copyright 2004, The Malta Council for Culture and The Arts, info@maltaculture.com
Developed by Alert Communications | CIMU | Government of Malta Gov.mt Logo